Id-19-il-Ħadd ta’ Matul is-Sena – Sena B
8 ta’ Awwissu 2021

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann – Ġw 6:41-51

F’dak iż-żmien, il-Lhud bdew igergru fuq Ġesù għax kien qal: “Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema”. U bdew jgħidu: “Dan mhuwiex Ġesù bin Ġużeppi? Lil missieru u ’l ommu ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid: ‘Jiena nżilt mis-sema’?”.

Ġesù weġibhom: “Toqogħdux tgorru bejnietkom. Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Hemm miktub fil-Profeti: ‘U kulħadd ikun imgħallem minn Alla’. Mela kull min jisma’ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi. Mhux għax xi ħadd qatt ra lill-Missier ħlief dak li hu minn Alla; hu dan li ra lill-Missier. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem.

Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu; dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx.

Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”.


Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Għeżież,

Din is-silta tifforma parti minn diskors twil li Ġesù jtenni wara l-miraklu tat-tkattir tal-ħobż. B’mod ċar Ġesù jidentifika l-ħobż li kien ta mal-istess ġisem tiegħu. Dan jurina li għalkemm l-Evanġelista San Ġwann iħalli barra r-rakkont tat-twaqqif tal-Ewkaristija waqt l-aħħar ċena bħalma naqraw fl-Evanġelji l-oħra, huwa jagħżel li jagħtina t-tifsira tal-Ewkaristija permezz ta’ dan id-diskors. 

M’hemmx dubbju mela li fi kliem Ġesù stess l-ikel li aħna nieklu meta nersqu biex nirċievu l-Ewkaristija huwa l-istess “Ġisem” tiegħu. Dan hu l-misteru kbir li aħna niċċelebraw f’kull quddiesa.

Talba – Ninżel għarkupptejja b’qima nadurak, veru Alla u veru bniedem.


Fr Roderick
Kappillan

Aqra l-Avviżi ta' din il-ġimgħa aktar l-isfel... 

 

Liturġija tad-Dar fil-Familja

Agħfas hawn għal liturġija fid-dar ta' dan il-Ħadd:
Niċċelebraw l-Evanġelju tad-19-il Ħadd tas-Sena B

Nhar ta' Erbgħa fis-6:30pm

Avviżi

Magħmudija Komunitarja   
Is-Sibt 7 ta’ Awwissu 2021 issir il-Magħmudija bil-Quddiesa li tibda fit-3.30pm.

Is-Seminarista Matthew Borg
Nirringrazzjaw ‘l Alla għas-Seminarista Matthew Borg mix-Xagħra Għawdex, li kien qed jagħmel esperjenza pastorali fil-parroċċa tagħna għal din l-aħħar sena bħala parti mill-formazzjoni tiegħu għas-saċerdozju. 
Nirringrazzjawh u nawgurawlu għall-formazzjoni tiegħu fis-Seminarju u nkomplu nitolbu għalih.

Quddiesa għat-tfal fis-6.30pm
Nhar ta’ Erbgħa inkomplu bil-quddiesa animata għat-tfal fis-6.30pm. Inħeġġu lil kulħadd sabiex fil-vaganzi tas-sajf insibu ħin għal Ġesù. 

Festa ta’ Santa Marija
Nhar il-Ħadd niċċelebraw is-Solennità ta’ Marija Mtellgħa s-Sema. Il-quddies kollu tas-Sibt u l-Ħadd ikun fil-ħin tas-soltu.

Fuljett Flimkien

Fuljett ‘Flimkien’
Wasal il-fuljett Flimkien għax-xahar ta’ Awwissu 2021. Jekk jogħġobkom ħudu kopja minn fejn il-bibien tal-knisja. Min irid jista’ jaqra l-Flimkien online: https://knisja.mt/flimkien-awwissu-2021/

BeHold.mt

Aqra u itlob aktar fuq l-Evanġelju, is-Salmi, il-Liturġija u l-Arti fuq is-sit www.behold.mt

Katekeżi għat-tfal

X’għandna nagħmlu meta neħlu? – Vidjo tad-19-il Ħadd - Sena B
https://www.youtube.com/watch?v=9w4QWts40RM

Inħarsu s-saħħa tagħna u tal-oħrajn

Il Knisja f’Malta tfakkar fl importanza li jiġu osservati l miżuri ta’ prevenzjoni ta’ tixrid tal imxija tal COVID 19. Filwaqt li jibqgħu japplikaw il miżuri tad distanza soċjali, kull min jattendi għall Quddies għandu r responsabbiltà li jilbes maskra jew visor.
 
Grazzi tal-koperazzjoni tagħkom.

Qari tal-Quddiesa

Il-Qari bil-Malti
Daily Readings in English
Share Share
Forward Forward
Copyright © 2021 Marsaskala Parish, All rights reserved.


Want to change how you receive these emails?
You can update your preferences or unsubscribe from this list.

Email Marketing Powered by Mailchimp